|
XOGĦLIJIET FUQ TOROQ, LIBREIJA U ĊENTRU TAL-INFORMATIKA ĠODDA FL-IMSIDA
Fl-Imsida bħalissa għaddejjin xogħlijiet estensivi fuq Triq il-Baċir fejn se jitqiegħed main ġdid tal-ilma u se jsir resurfacing tat-triq. F’din it-triq ġa sar xogħol fuq il-bankini li ġie finanzjat mill-Urban Improvement Fund li għen biex il-Kunsill Lokali tal-Imsida wettaq ukoll xogħlijiet fuq żewġ sqaqien filwaqt li permezz ta’ fondi oħra għamel xogħol estensiv ta’ embellishment tat-toroq. Aktar tard din is-sena l-Kunsill se jniedi wkoll proġett ta’ maniġġjar tat-traffiku u post għall-parkeġġ.
Waqt żjara li għamel fuq ix-xogħlijiet, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said, qal li l-Gvern qed jgħin lill-kunsilli lokali biex iwettqu xogħlijiet fuq it-toroq mhux biss permezz ta’ żieda fl-allokazzjoni diretta, iżda wkoll permezz ta’ tibdil fil-liġi fejn issa l-kunsilli lokali jistgħu jidħlu f’public private partnership ma’ kuntratturi privati u permezz ta’ dan jibbenefikaw minn żieda fl-allokazzjoni għat-toroq.
Il-Kunsill Lokali tal-Imsida se jidħol f’public private partnership sabiex isir xogħol fuq Triq il-Punent u Triq il-Prinċipessa Margerita bi stima totali ta’ aktar minn 84,000 Euro. Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li kien hemm 39 kunsill lokali li applikaw biex jidħlu f’public private partnership.
Is-Segretarju Parlamentari żar ukoll il-bini taċ-Ċentru Ċiviku tal-Imsida fejn inawgura librerija ġdida u ċentru tal-ICT. Il-librerija tal-Kunsill Lokali tal-Imsida illum fiha madwar 5,000 ktieb li inxtraw grazzi għall-finanzjament mill-Kunsill Lokali, donazzjonijiet mill-banek lokali u mill-fond tal-Gvern għal-libreriji lokali. Il-librerija tinsab ukoll fuq in-network nazzjonali tad-Dipartiment tal-Libreriji.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li 56 librerija f’Malta u Għawdex ġew devoluti lill-kunsilli lokali, u kunsilli lokali oħrajn bħall-Imsida, Kalkara, Ħal Tarxien, l-Għasri u Ta’ Xbiex waqqfu l-librerija tagħhom. Huwa qal li dan wassal biex ikun hemm titjib fl-infrastruttura tal-libreriji, kompjuterizzazzjoni tas-sistema, żieda qawwija fil-kotba u ħinijiet tal-ftuħ itwal u aktar konvenjenti għar-residenti.
Is-Segretarju Parlamentari qal li s-sena l-oħra l-Gvern irdoppja l-allokazzjoni tal-kunsilli lokali għal-libreriji u ra li dawn il-flus jintefqu biss f’kotba. B’riżultat ta’ dan, fl-2009 il-kunsilli lokali nvestew aktar minn 230,000 Euro fil-libreriji. L-iskema ġiet ripetuta din is-sena.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal ukoll li matul din is-sena se jsir studju biex jiġu identifikati l-oqsma li jridu jiġu indirzzati biex ikompli jitjieb is-servizz bħal aċċessibilita`, ħinijiet, proċess tas-self ta’ kotba, użu aħjar tat-teknologija u taħriġ għal-librara.
Biex ir-residenti tal-Imsida jkunu jistgħu jibbenefikaw minn Ċentru tal-Informatika, il-Kunsill Lokali daħal fi ftehim mal-kumpanija TCTC sabiex jiġu provduti 14 -il computer u qed jingħataw żewġ korsijiet fis-sena b’xejn lir-residenti. Dr Chris Said qal li l-informatika hija importanti ħafna fil-ħajja tal-lum u l-kunsilli lokali għandhom jagħmlu minn kollox biex jieħdu t-teknoloġija eqreb lejn ir-residenti u jagħmluha aktar faċli biex kulħadd ikollu aċċess għat-tagħlim f’dan is-settur.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said għalaq billi rringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Imsida għax-xogħol li qed iwettaq u ħabbar li l-uffiċċji taċ-Ċentru Ċiviku tal-lokalita` se jospitaw l-uffiċċju tal-Kumitat Reġjonali Ċentrali tal-Kunsilli Lokali.
DOI – 28.04.2010


|